Ċempilli fuq  +356 99900022   jew ibgħatli email hawn   kuntatt@annabellecilia.com

Politika li terġa’ tqiegħed lin-nies fiċ-ċentru

Posted January 19, 2026

Iktar ma’ niltaqa’ ma’ ħaddiema u familji iktar insir naf b’esperjenzi ta’ nies li jaħdmu kemm jaħdmu u jistinkaw kemm jistinkaw qisu qatt mhu biżżejjed. Hemm uħud għandhom anke tlett impiegi. U dan mhux b’xi pjaċir. L-ammont ta’ sigħat li jaħdmu huwa inkredibbli. Minkejja dan kollu, xorta jħossu li dak li qed jagħmlu mhux biżżejjed u l-pressjoni fuqhom u fuq ta’ madwarhom dejjem tikber. Din mhijiex esperjenza iżolata, imma realtà ta’ kuljum għal ħafna familji Maltin u Għawdxin. Għalhekk nemmen li l-politika trid tinbena fuq l-esperjenzi rejali tan-nies u l-familji.

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja m’għandux jibqa’ biss kliem sabiħ. Meta l-ħin mal-familja jsir sekondarju u l-għejja ssir normali, inkunu qed nitilfu xi ħaġa fundamentali. Mudelli ta’ xogħol aktar flessibbli, rispett lejn il-ħajja privata u appoġġ rejali għall-ġenituri huma essenzjali jekk irridu soċjetà aktar stabbli u b’saħħitha.

Ix-xogħol għandu jagħti dinjità u sigurtà. Pagi ġusti, kundizzjonijiet xierqa u ambjenti tax-xogħol sikuri mhumiex privileġġ, imma dritt. Meta l-ħaddiema jħossuhom injorati jew mhux protetti, tintilef il-fiduċja fil-politika u fl-istituzzjonijiet. Soċjetà li tirrispetta lill-ħaddiem tagħha hija soċjetà li tħares ’il quddiem.

Fl-istess ħin, irridu nkunu onesti u nitkellmu b’mod ċar dwar dak li qed jiġri madwarna. Ma nistgħux niftaħru b’ekonomija b’saħħitha u l-faqar madwarna qed jiżdied. Ma nistgħux niftaħru b’kemm hawn nies jaħdmu u l-ammont ta’ nies li jorqdu barra u n-nies li jieklu mis-soup kitchens dejjem jiżdiedu. Ma nistgħux niftaħru kemm il-familji qed jaqilgħu flus imma fl-istess ħin iridu jħallu t-tfal jitrabbew minn ħaddieħor.

Il-ġlieda kontra l-faqar tibqa’ prijorità morali, iżda hemm eluf ta’ familji li mhumiex foqra u xorta qed iġorru piżijiet kbar. Għalkemm illum f’pajjiżna hawn ftit li rnexxielhom isiru sinjuri, hawn ħafna li baqgħu fl-istess livell. Il-maġġoranza tan-nies qed tħoss pressjoni kontinwa mill-għoli tal-ħajja, mill-edukazzjoni tat-tfal u mill-inċertezza tal-futur. Dawn huma nies li jaspiraw, li jaħdmu u li jridu stabbiltà, mhux karità. Il-politika trid terġa’ titkellem il-lingwa tagħhom u tifhem it-tħassib tagħhom.

Ma nistgħux nibqgħu noffru l-medjokrita’. Bħala politiċi irridu noffru bażi tajba sabiex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom futur interessanti f’pajjiżna stess u mhux il-boghod minn xtutna, b’impiegi li jħallsu tajjeb u jagħtu sodisfazzjon. U mhux nikkuntentaw b’impiegi medjokri! Irridu nkunu kapaċi noffru u nagħtu spazju sabiex wara l-ġurnata tax-xogħol, nimirħu f’attivitajiet oħra li jagħmlu lill-bniedem kuntent.

Nemmen bis-sħiħ li l-kultura tagħna tibqa’ pilastru essenzjali tal-identità Maltija. Hija mezz kif inġibu n-nies flimkien u kif nibnu sens ta’ appartenenza. Investiment fil-kultura jfisser komunitajiet aktar magħqudin u soċjetà aktar umana.

Ma nistgħux ninsew lanqas il-volontarjat, li jirrifletti l-aqwa wiċċ ta’ pajjiżna. Nies li jagħtu ħinhom biex jgħinu lil ħaddieħor huma prova li s-solidarjetà għadha teżisti. Nies li ma jippretendu xejn lura. Politika serja għandha tappoġġja dan l-impenn u tagħtih il-valur li jistħoqqlu u mhux nagħmlu minn kollox sabiex inxekklu l-volontarjat. U dan jibda mill-iskejjel tagħna.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwalità tal-ħajja titkejjel ukoll bil-benesseri u s-saħħa mentali. Soċjetà li tisma’, tifhem u tappoġġja lin-nies tagħha hija soċjetà aktar ġusta u reżiljenti.

Din hija l-viżjoni li nemmen fiha: politika li terġa’ tqiegħed lin-nies fiċ-ċentru u li toffri direzzjoni ċara għal futur aħjar. Din hija Tama Ġdida Għalik — futur li nistgħu nibnuh flimkien.